Servizzi

MEFF

Il-Forum tal-Prospettiva Strateġika tal-Edukazzjoni f’Malta

Il-Forum tal-Prospettiva Strateġika tal-Edukazzjoni f'Malta (MEFF) tnieda fl-14 ta’ Ottubru tal-2024, bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 ta’ Malta. L-MEFF inħoloq mill-involviment ta’ Malta fil-LIMinal Project, iffinanzjat mill-UE flimkien mal-Litwanja, l-Italja, u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), u għandu l-għan li jsaħħaħ il-prospettiva strateġika fl-edukazzjoni, filwaqt li jiżgura li s-sistema ta’ Malta tibqa’ innovattiva, adattabbli, u lesta għall-futur. L-MEFF jantiċipa u jindirizza sfidi edukattivi preżenti u futuri billi jinvolvi lill-edukaturi, lil dawk li jfasslu l-politika u lill-partijiet ikkonċernati. L-MEFF jopera permezz ta’ tlett komponenti ewlenin: il-Kumitat tat-Tmexxija, in-Network ta’ Esperti, u ċ-Ċentru tat-Trasformazzjoni. Il-Kumitat tat-Tmexxija jissorvelja l-prospettiva strateġika, jidentifika xejriet fit-teknoloġija u d-demografija, u jiżgura l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fit-tfassil tal-politika. Barra minn hekk il-Kumitat tat-Tmexxija  jiffoka wkoll fuq l-bini tal-kapaċitajiet u l-monitoraġġ kontinwu. In-Network ta' Esperti, inkluż iċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Edukattiva (CERI) tal-OECD, jipprovdi għarfien espert, iwettaq riċerka, u jappoġġja l-iżvilupp tal-politika permezz ta' analiżi tat-tendenzi u valutazzjoni tar-riskju. Ix-xogħol tagħhom isaħħaħ l-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati. Iċ-Ċentru tat-Trasformazzjoni huwa spazju esperimentali fejn l-edukaturi u l-istudenti janalizzaw kunċetti u teknoloġiji edukattivi ġodda f'ambjent ikkontrollat filwaqt li jiġu mrawwma it-tagħlim prattiku u l-adattabilità. Riżultat ewlieni tal-MEFF huwa t-twaqqif ta’ politiki bħall-Politika tal-Homework. Permezz tal-integrazzjoni tar-riċerka, il-feedback, u l-innovazzjoni, l-MEFF jiżgura li s-sistema edukattiva ta’ Malta tibqa’ progressiva, inklużiva, u mgħammra biex tindirizza sfidi futuri.

ELET

Tluq Bikri mill-Edukazzjoni u t-Taħriġ

L-Istrateġija tat-Tluq Bikri mill-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ELET) ta’ Malta, li ġiet imnedija f’Lulju tal-2023, mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni (MEYR), għandha l-għan li tnaqqas ir-rata tal-ELET għall-mira tal-Unjoni Ewropea ta’ 9% sal-2030. L-ELET tirreferi għal individwi ta’ bejn it-18 u l-24 sena li jkunux kisbu aktar minn edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell u li mhumiex involuti f’edukazzjoni jew taħriġ ulterjuri. Din l-istrateġija tallinja mal-Għan 4 tal-Iżvilupp Sostenibbli, li jippromwovi edukazzjoni ta’ kwalità inklużiva u ekwa. L-istrateġija tadotta approċċ komprensiv b’żewġ aspetti: Sistema ta' Twissija Bikrija biex tissorvelja u tindirizza indikaturi tar-riskju tal-ELET u approċċ li jinvolvi l-iskola kollha li jikkumbattu t-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ. F’konformità mal-mudell tal-UE, l-għanijiet tal-istrateġija jduru madwar tliet pilastri ewlenin – il-prevenzjoni, l-intervent, u l-kumpens – li jinkludu 15-il miżura strateġika u 88 objettiv, imfassla biex itejbu l-opportunitajiet edukattivi mit-tfulija bikrija sa edukazzjoni postobbligatorja. Inizjattivi ewlenin jinkludu l-Programm ta’ Rabta bejn il-Familja, il-Komunità u l-Iskola (FCSL), li jinkoraġġixxi l-involviment tal-ġenituri, il-provvista ta’ servizz għall-indukrar tat-tfal b’xejn għat-tfal kollha, iktar importanza għall-istruzzjonijiet fuq il-lingwa u l-qari fl-edukazzjoni primarja, it-titjib ta’ gwida għall-karriera, u t-tnaqqis ta’ ostakli għall-aċċess ta’ edukazzjoni postobbligatorja. Dawn l-inizjattivi għandhom l-għan li jrawmu ambjent edukattiv aktar inklużiv u ta’ appoġġ, biex b’hekk jiġi żgurat li kull student ikollu biżżejjed opportunitajiet biex jirnexxi.

FCSL

Ir-Rabta ta’ bejn il-Familja, il-Komunità, u l-Iskola

Ir-Rabta ta’ bejn il-Familja, il-Komunità u l-Iskola hija inizjattiva maħsuba biex issaħħaħ il-konnessjoni bejn l-iskejjel, il-familji, u l-komunitajiet lokali. L-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni għandha l-għan li toħloq sistema unifikata ta’ appoġġ għall-istudenti billi tinvolvi l-familji, tappoġġja l-edukaturi, u trawwem sħubijiet mal-organizzazzjonijiet komunitarji. L-FCSL ġiet introdotta bħala inizjattiva pilota fl-iskejjel statali Maltin matul is-sena skolastika 2024-2025 u sservi bħala komponent kruċjali tal-Istrateġija tat-Tluq Bikri mill-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ELET), li tnediet f’Lulju tal-2023. Din l-istrateġija tallinja mal-għan tal-Unjoni Ewropea, dak li titnaqqas ir-rata tat-tluq bikri mill-iskola għal inqas minn 9% sal-2030. L-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva huwa li ttejjeb l-appoġġ għall-edukaturi permezz ta’ ħolqien ta’ opportunitajiet għall-ġenituri u l-gwardjani biex jinvolvu ruħhom u jaħdmu b’mod attiv f’kollaborazzjoni fl-edukazzjoni ta’ wliedhom. Permezz tal-appoġġ mill-Fondi Nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, is-servizz inizjalment tnieda f’Ottubru tal-2024 f’erba’ skejjel, bil-pjan li din l-inizjattiva testendi għal għaxar skejjel fl-2025. Minn Jannar tal-2025, il-programm wettaq 713-il intervent u indirizza 191 każ.