Il-Forum tal-Prospettiva Strateġika tal-Edukazzjoni f’Malta (MEFF) tnieda fl-14 ta’ Ottubru tal-2024, bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 ta’ Malta. L-MEFF inħoloq mill-involviment ta’ Malta fil-LIMinal Project, iffinanzjat mill-UE flimkien mal-Litwanja, l-Italja, u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), u għandu l-għan li jsaħħaħ il-prospettiva strateġika fl-edukazzjoni, filwaqt li jiżgura li s-sistema ta’ Malta tibqa’ innovattiva, adattabbli, u lesta għall-futur. L-MEFF jantiċipa u jindirizza sfidi edukattivi preżenti u futuri billi jinvolvi lill-edukaturi, lil dawk li jfasslu l-politika u lill-partijiet ikkonċernati.
L-MEFF jopera permezz ta’ tlett komponenti ewlenin: il-Kumitat tat-Tmexxija, in-Network ta’ Esperti, u ċ-Ċentru tat-Trasformazzjoni. Il-Kumitat tat-Tmexxija jissorvelja l-prospettiva strateġika, jidentifika xejriet fit-teknoloġija u d-demografija, u jiżgura l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fit-tfassil tal-politika. Barra minn hekk il-Kumitat tat-Tmexxija jiffoka wkoll fuq l-bini tal-kapaċitajiet u l-monitoraġġ kontinwu. In-Network ta’ Esperti, inkluż iċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Edukattiva (CERI) tal-OECD, jipprovdi għarfien espert, iwettaq riċerka, u jappoġġja l-iżvilupp tal-politika permezz ta’ analiżi tat-tendenzi u valutazzjoni tar-riskju. Ix-xogħol tagħhom isaħħaħ l-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati. Iċ-Ċentru tat-Trasformazzjoni huwa spazju esperimentali fejn l-edukaturi u l-istudenti janalizzaw kunċetti u teknoloġiji edukattivi ġodda f’ambjent ikkontrollat filwaqt li jiġu mrawwma it-tagħlim prattiku u l-adattabilità.
Riżultat ewlieni tal-MEFF huwa t-twaqqif ta’ politiki bħall-Politika tal-Homework. Permezz tal-integrazzjoni tar-riċerka, il-feedback, u l-innovazzjoni, l-MEFF jiżgura li s-sistema edukattiva ta’ Malta tibqa’ progressiva, inklużiva, u mgħammra biex tindirizza sfidi futuri.